|
|
|
PARLAMENT EWROPEW
|
2014 - 2019
|
Dokument ta' sessjoni
{04/03/2015}4.3.2015 B8‑0226/2015
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet
(2015/2564(RSP))
Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Gérard Deprez, Petr Ježek, Cecilia Wikström, Javier Nart, Juan Carlos Girauta Vidal, Dita Charanzová
{ALDE}f'isem il-Grupp ALDE
B8‑0226/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet
(2015/2564(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokolli tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, tat-23 ta' Novembru 2001,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, tal-25 ta' Ottubru 2007,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI,
– wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,
– wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi Frar 2011,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (COM(2008)0055),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prattiki,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tas-sessjoni plenarja tat-12 ta' Frar 2015 tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pedopornografija, jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
B. billi reati kriminali serji bħalma huma l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija jeħtieġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni ta' vittmi tfal u l-prevenzjoni tal-fenomenu;
C. billi l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja meta tittieħed kwalunkwe miżura biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, skont il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
D. billi l-internet jista' jesponi lit-tfal għal riskji speċifiċi, permezz ta' fenomeni bħall-pedopornografija, l-iskambju ta' materjal dwar il-vjolenza, iċ-ċiberkriminalità, l-intimidazzjoni, il-bullying, il-grooming, il-fatt li t-tfal jista' jkollhom aċċess għal jew jixtru oġġetti jew servizzi soġġetti għal restrizzjonijiet ġuridiċi jew mhux adattati għall-età tagħhom, l-esponiment għal reklamar li mhux adattat għall-età tagħhom, aggressiv jew qarrieqi, nasbiet kummerċjali (scams), serq ta' identità, frodi u riskji simili ta' natura finanzjarja li jistgħu jwasslu għal esperjenzi trawmatiċi;
E. billi l-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal fuq l-Internet għandha tiġi integrata fi strateġija usa' li tindirizza l-fenomenu globali ta' abbuż sesswali u sfruttament tat-tfal, li xorta hija prinċipalment relatata ma' reati offline imwettqa permezz ta' netwerks u individwi li jaġixxu intenzjonalment barra l-qasam tal-internet;
F. billi l-protezzjoni tal-minorenni fid-dinja diġitali għandha tiġi indirizzata fil-livell regolatorju u fil-livell tat-tfal billi jintużaw miżuri iktar effettivi, inkluż permezz ta' infurzar tal-liġi b'kooperazzjoni mal-industrija f'konformità mal-prinċipji ta' responsabilità kondiviża u l-proċess legali dovut, u fil-livell edukattiv u ta' taħriġ billi t-tfal, il-ġenituri u l-għalliema jiġu mħarrġa sabiex il-minorenni jinżammu milli jkollhom aċċess għall-kontenut illegali;
G. billi, minħabba n-natura internazzjonali tagħha, bi sfruttament tat-tfal u sfruttament sesswali tat-tfal online mifrux fuq mijiet ta' pajjiżi u li jinvolvi mijiet ta' ġurisdizzjonijiet legali u aġenziji tal-infurzar tal-liġi, din il-problema teħtieġ soluzzjoni internazzjonali;
H. billi d-data disponibbli dwar l-għadd reali ta' reati mwettqa għadha nieqsa kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, li jwassal għal evalwazzjoni ta' politika li mhux neċessarjament tirrifletti l-kobor tal-problema;
I. billi l-isfruttament tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal online – inklużi l-proliferazzjoni ta' materjal marbut mal-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-fenomenu taċ-ċiberpredaturi – għadu jqajjem tħassib kbir fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, b'offiżi li jibdew minn estorsjoni sesswali u "grooming" għal materjal ta' produzzjoni proprja marbut mal-abbuż tat-tfal u live streaming ta' dan il-materjal, li huma sfidi investigattivi partikolari minħabba l-innovazzjonijiet teknoloġiċi li, lit-trasgressuri, inklużi ċ-ċiberpredaturi, jipprovdulhom aċċess aktar faċli u rapidu għall-materjali;
J. billi numru li qed jikber ta' trasgressuri qegħdin jużaw Darknet, fejn stabbilixxew komunitajiet anonimi bl-użu ta' fora moħbija, servizzi tal-websajts, pjattaformi ta' networking soċjali u storage providers iddedikati għal materjal ta' abbuż tat-tfal;
K. billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-prevenzjoni ta' kontenut online illegali mhux dejjem huma effettivi u inevitabbilment jinvolvu approċċi differenti għall-prevenzjoni ta' kontenut dannuż;
L. billi d-Direttiva 2011/92/KE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sat-18 ta' Diċembru 2013, u billi s'issa inqas minn nofs l-Istati Membri implimentawha kompletament;
1. Jenfasizza bil-qawwa li wieħed mir-rwoli primarji tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huwa li jiġi mħares u żgurat ambjent sikur għat-tfal u għall-iżvilupp tagħhom;
2. Iqis li d-data personali tat-tfal li tinsab online jeħtieġ li tkun imħarsa kif jixraq u li jeħtieġ li t-tfal ikunu informati b'mod faċli u adattat għalihom dwar ir-riskji u l-konsegwenzi tal-użu tad-data personali tagħhom online;
3. Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv u kkoordinat madwar l-UE kollha sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fit-tfassil tal-politika u l-azzjoni, li jinkludi l-ġlieda kontra l-kriminalità, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, u l-kummerċ elettroniku;
4. Iqis li għandhom jittieħdu aktar passi biex jiġi miġġieled is-cyber grooming, u li l-Kummissjoni, flimkien mal-gvernijiet nazzjonali, is-soċjetà ċivili, il-kumpaniji tal-midja soċjali, l-għalliema, l-infermiera tal-iskejjel, il-ħaddiema soċjali, l-uffiċjali tal-ħarsien tat-tfal, il-pedjatri u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal jeħtiġilhom jiżvolġu rwol attiv biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni permezz ta' linji gwida definiti, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u t-twaqqif ta' pjattaformi soċjali għal kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni legali dwar din il-kwistjoni sabiex jiġu identifikati r-riskji potenzjali u theddid tat-tfal;
5. Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni internazzjonali mas-sħab strateġiċi tal-UE u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar id-dinja għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-kooperazzjoni internazzjonali u l-investigazzjonijiet transnazzjonali f'dan il-qasam, permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni u billi jiġi faċilitat l-iskambju ta' data internazzjonali legali dwar dawn ir-reati u t-trasgressuri, inkluż permezz tal-Europol;
6. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva konġunta tal-UE u 55 pajjiż minn madwar id-dinja miġbura fl-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Fuq l-Internet/Online bil-għan li jsalvaw aktar vittmi, jiżguraw prosekuzzjoni aktar effettiva u li jiksbu tnaqqis ġenerali fl-għadd ta' stampi ta' abbuż sesswali tat-tfal disponibbli online; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod aktar regolari dwar il-progress li sar permezz ta' din l-Alleanza;
7. Jilqa' wkoll l-inizjattiva tal-2011 meħuda mill-Kummissjoni li tistabbilixxi koalizzjoni biex l-Internet ikun aħjar u aktar sikur għat-tfal,billi laqqgħet flimkien 31 mill-ikbar kumpaniji tat-teknoloġija u tal-midja, u jinsisti li din il-koalizzjoni għandha ssegwi u tamplifika l-ħidma tagħha;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż permezz tal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), bil-għan li jinvestigaw u jżarmaw in-netwerks ta' trasgressuri ta' reati sesswali fuq it-tfal b'mod aktar effikaċi, filwaqt li jipprijoritizzaw id-drittijiet u s-sikurezza tat-tfal involuti;
9. Jemmen li huwa essenzjali li tintuża terminoloġija korretta għad-delitti kontra t-tfal, inkluża d-deskrizzjoni ta' stampi ta' abbuż sesswali tat-tfal, u biex jintuża t-terminu xieraq ta' "materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal" pjuttost milli "pornografija tat-tfal";
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jsaħħu r-riżorsi ddedikati għall-identifikazzjoni tal-vittmi u s-servizzi ffukati fuq il-vittmi, u jitlob li jiġu stabbiliti b'mod urġenti pjattaformi relatati;
11. Iħeġġeġ bil-qawwa lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx b'mod sħiħ id-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, biex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja b'mod strett l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħha, biex tirrapporta lura fil-ħin lill-Parlament u b'mod partikolari lill-Kumitat tiegħu responsabbli dwar ir-riżultati li tikseb;
12. Ifakkar li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-persuni li jkollhom il-biża' li jistgħu jikkommettu kwalunkwe reat marbut mal-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali jkollhom aċċess, fejn xieraq, għal programmi jew miżuri effikaċi ta' intervenzjoni mfassla biex jevalwaw u jipprevjenu r-riskju li jitwettqu offiżi bħal dawn;
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu u jipprovdu punti ta' kuntatt nazzjonali biex dawn jirrapportaw kontenuti u mġiba kriminali u dannużi;
14. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom bil-fondi, ir-riżorsi umani, setgħat ta' investigazzjoni u kapaċitajiet tekniċi meħtieġa biex jindirizzaw serjament lit-trasgressuri u jħarrkuhom, inkluż taħriġ xieraq għall-bini tal-kapaċità qalb il-ġudikatura u l-unitajiet tal-pulizija;
15. Jinnota bi tħassib l-iżvilupp u l-espansjoni ta' xejriet ta' sfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal online, fosthom mezzi ġodda ta' distribuzzjoni u tranżazzjoni għal materjali ta' abbuż tat-tfal, b'mod partikolari permezz tad-Deep Web u Darknet, u b'mod partikolari l-fenomenu ta' live streaming ta' abbuż għall-ħlas;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jimpenjaw ruħhom ma' rappreżentanti ta' sistemi ta' ħlas alternattivi sabiex jiddeterminaw opportunitajiet ta' kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proċess legali dovut, inkluż l-għoti ta' taħriġ komuni għal identifikazzjoni aħjar ta' proċessi ta' ħlas marbuta mad-distribuzzjoni kummerċjali ta' materjal ta' abbuż tat-tfal;
17. Jitlob li jkun hemm approċċ ta' kollaborazzjoni u skambju ta' informazzjoni effettivi bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-industrija tal-informatika, il-fornituri tas-servizz tal-Internet (ISPs), is-settur bankarju u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal, bil-għan li jiggarantixxu d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online u jqisuhom bħala persuni vulnerabbli skont il-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li titlob lill-Istati Membri kollha jieħdu azzjoni biex jindirizzaw il-fenomenu taċ-ċiberpredaturi u bullying fuq l-internet fil-forom kollha tagħhom;
18. Jenfasizza li miżuri li jillimitaw id-drittijiet fundamentali fuq l-internet jeħtieġ li jkunu meħtieġa u proporzjonati, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri; ifakkar li l-kontenut illegali online għandu jitħassar immedjatament abbażi ta' proċess ġuridiku dovut; jenfasizza r-rwol tal-ICT u ISPS biex tiġi żgurata t-tneħħija rapida u effiċjenti ta' kontenut illegali online;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern sabiex ikompli jwettaq valutazzjoni u monitoraġġ tal-iżviluppi reċenti, kif ukoll analiżi fil-fond tal-qafas ta' politika attwali għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, fil-forma ta' rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva 2011/92/UE, u biex fi żmien sena jirrapporta dwar dan lill-plenarja;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
RE\1052756MT.doc
/ PE552.201v01-00
MT
|